12 September

HIV+ People and Transgender People as Our Colleagues

Dalli kontra li n-nisa jiġu mġiegħla jilbsu d-dublett… il-GWU tisħaq li ħaddiema bl-HIV u dawk transgender ma jkunu diskriminati fuq il-post tax-xogħol.

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej w Ugwaljanza Helena Dalli għamlitha ċara li ma taqbilx li postijiet tax-xogħol iġiegħlu nisa jilbsu d-dbielet bħala parti mill-uniformi tagħhom.
Hija rrimarkat dan waqt li kienet qed tindirizza seminar organizzat mill-GWU u l-GWU Youths li tratta l-ħaddiema bl-HIV u transgender fuq il-postijiet tax-xogħol fejn kelliema tal-unjin enfasizzaw li dawn il-ħaddiema m’għandhomx ikunu diskriminati bid-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri jħeġġiġhom jissieħbu fil-unjin ħa tipproteġihom.

Dalli kienet qed titkellem fil-parti tas-seminar li trattat il-persuni transgender fid-dinja tax-xogħol fejn ma naqsitx milli ssemmi d-drittijiet ċivili li daħħal dan il-Gvern fosthom il-liġi tal-koabitazzjoni u dik taż-żwieġ indaqs u l-introduzzjoni tal-leave għall-koppji li għaddejjin mill-IVF. Hija semmiet ukoll il-liġi dwar l-identita tal-ġeneru u l-possibilita li persuna trans ikollha l-ittra X fuq il-karta tal-identita tagħha bħala drittijiet li introduċa l-Gvern biex joffri protezzjoni lill-persuni transgender. Dalli ammettiet li ma jfissirx li ma fadalx problemi x’nindirizzaw u semmiet kif irridu nispjegaw lil min iħaddem u anke lil ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol li ma jistax ikun hemm diskriminazzjoni mal-persuni trans.

Kien hawn li qalet “irridu naraw l-uniformijiet li jobbligaw id-dbielet” u irreferiet għal każ ta’ pulizija mara li qed tiġi mġiegħlha tilbes beritta tan-nisa meta tħossha raġel. Hawnhekk semmiet kif hija irreferiet il-każ lill-Kummissarju tal-Pulizija. Dalli rreferiet għat-trawma li jgħaddu minn tfal trans fl-iskejjel minħabba t-toilet u appellat biex ma nżidulhomx il-problema billi ma nkunux flessibbli. Hija fakkret ukoll li l-Gvern se jdaħħal il-liġi li tindirizza l-vjolenza a bażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.

Dwar il-ħaddiema bl-HIV, Dalli saħqet li rridu nindirizzaw l-istigma li hemm dwar dan il-virus u saħqet li kwalunkwe diskriminazzjoni kontra persuni li għandhom dan il-virus mhux ġustifiakta għax mhux ibbażata fuq ir-realta. Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej w Ugwaljanza għalqet id-diskors tagħha billi qalet li hija qed taħdem ukoll biex ma jkollnix aktar Jum il-Mara għax jekk dan jibqa’ jkun ifisser li għad baqalna x’naħdmu fejn jidħol drittijiet tan-nisa.

 
Il-GWU tappella ħaddiema trans u bl-HIV jersqu lejha

Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri appella lill-ħaddiema transgender u dawk li għandhom l-HIV biex jersqu lejn il-unjin ħalli taqbeż għad-drittijiet tagħhom f’każ li jkunu qed jiġu diskriminati. Fl-intervent tiegħu waqt l-imsemmi seminar, Camilleri rrimarka li l-GWU ilha s-snin tisħaq fuq id-drittijiet tal-kommunita LGBT u semma kif ħaddiema trans iħossuhom aktar diskriminati minn ħaddiema oħra imma ħafna ma jitkellmux dwar dak li jkunu għaddejjin minnu. Huwa semma kif fil-proposti għall-baġit il-GWU qed tipproponi proposti li t-transgender jingħataw leave speċjali waqt li jkunu għaddejjin mit-tranżizzjoni. Camilleri rrefera wkoll għall-ħaddiema bl-HIV fejn qal li l-unjin fasslet dokument dwar ħaddiema b’dan il-virus li fih proposti dwar kif nistgħu nindirizzaw is-sitwazzjoni fejn enfasizza li huwa illegali li ssir diskriminazzjoni kontrihom. “Is-saħħa tal-individwu hija xi ħaġa privata u kunfidenzjali u jekk min iħaddem isir jaf iridu jżommuha kunfidenzjali u ma jużawhix kontra il-ħaddiem”, żied jgħid id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU.

 
Esperta xxejjen biża’ dwar HIV fuq ix-xogħol

Id-dermatoloġista u veneroloġista Valeska Padovese xejjnet il-biża’ li jista’ jkollhom kollegi ta’ ħaddiema bl-HIV billi qalet li l-virus jittieħed b’kuntatt sesswali u kuntatt bid-demm u għalhekk m’hemmx periklu li jittieħed fuq ix-xogħol. Fl-istess waqt semmiet kif kien hemm ’employers’ li ikkuntattjaw lill-GU Clinic li tmexxi biex jippruvaw jitkixxfu dwar jekk persuni li jkunu se jimpjegaw ikollhomx dan il-virus jew le. Waqt li qalet li huma ma jgħidux lil min iħaddem jekk persuna jkollhix l-HIV jew le, Dr Padovese rrimarkat li jekk ħaddiem jirriżulta pożittiv għall-virus u jistaqsihom jekk għandux jgħid lil min iħaddmu jgħidulu li m’hemmx il-ħtieġa u jwissuhom dwar id-diskriminazzjoni li jistgħu jiffaċċjaw.
Hija semmiet esperjenza oħra kif darba sid ta’ ħanut tax-xagħar kien inkwetat għax kien hemm persuna għandu li kellha l-HIV madankollu hija serħitlu rasu li l-virus ma jgħaddix bl-imqass.
Dr Padovese qalet li aktar turi tħassib dwar il-Hepatitis A li minbarra sess anali bejn l-irġiel l-aktar li jinxtered mill-ħalq u allura jista’ jkun hemm periklu fejn jidħol preparamenti tal-ikel. Hawnhekk semmiet kif Malta kienet fil-lista tal-iktar seba’ pajjiżi fejn il-Hepatitis A kien komuni.

 
Il-politiċi jesprimu ruħhom dwar l-HIV

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo enfasizza li fejn jidħol ħaddiema bl-HIV l-ewwel ħaġa li rridu niftakru hija li qed nitkellmu dwar bnedmin. Huwa rrimarka li għalkemm biddilna l-liġijiet fejn jidħol persuni LGBTIQ huwa iktar diffiċli li tibdel il-mod kif jaħsbuha n-nies u enfasizza li rridu naħdmu biex nibdlu l-ħsieb ta’ min jiddiskrimina billi nedukaw lin-nies.Tal-istess fehma kien il-kelliem tal-Oppożizzjoni għad-drittijiet taċ-ċittadini u d-djalogu soċjali David Agius fejn irrimarka li l-HIV għadha tabu f’pajjiżna u ħafna jassoċjawha ma’ persuni LGBTIQ meta dan mhux minnu għax hija l-imġieba li twassal għall-mard mhux l-orjentazzjoni sesswali. Waqt li huwa wkoll enfasizza fuq l-importanza tal-edukazzjoni nkluż fl-iskejjel, Agius appella lill-Gvern biex jagħti HIV test kits b’xejn, aktar servizzi psikoloġiċi kif ukoll strateġija biex tevita s-suwiċidji.

 
Il-ħaddiema tat-trasport fl-ikbar riskju tal-HIV

Tabib li jaħdem mal-Federazzjoni Internazzjonali tat-Trasport (ITF) spjega kif il-ħaddiema fil-qasam tat-trasport huma iktar fil-periklu li jlaqqtu l-HIV minn ħaddiema oħra.
Dr Asif Altaf qal li minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom u l-kundizzjonijiet li jaħdmu fihom, il-ħaddiema tat-trasport – kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar – iqattgħu x-xhur ‘il bogħod mill-familja.Huwa implika li dan qed iwassal biex ikun hemm kuntatti sesswali li qed iżidu l-inċidenza tal-HIV għalkemm enfasizza li huwa l-istil ta’ ħajja u mhux ix-xogħol li qed iwassal għal dan.Fl-istess waqt Dr Altaf saħaq li hemm bżonn ta’ aktar edukazzjoni li tindirizza l-ideat żbaljati li hemm dwar is-sess fejn irrefera għall-Indja u qal li hemm ħafna jaħsbu li raġel juża żewġ kondoms fuq xulxin flok wieħed qed tkun protett aktar meta dan mhux minnu.

 
Tgħid li l-HIV mhix xi ħaġa tal-mistħija

Gabi Calleja, Ċerpersin tal-Kunsill Konsulattiv LGBTIQ, irrimarkat li l-HIV hija waħda mit-temi li bdew jindirizzaw fl-aħħar sentejn anke fl-isfond tal-istrateġija nazzjonali li kienet qed titfassal u r-rata tal-infezzjoni li dejjem tiżdied.Waqt li rrikonoxxiet li hemm numru ta’ rġiel li jlaqqtu l-virus wara sess ma’ rġiel oħra, Calleja sostniet li hawn informazzjoni żbaljta dwar kif tiġi tramessa l-HIV waqt li semmiet kif ħafna ma jafux li jkollhom il-virus u għalhekk hemm riskju akbar li jgħadduha lil ħaddieħor. Hija rreferiet għad-dilemma jekk persuna bl-HIV għandix tgħid x’għandha u saħqet li għalkemm mhux faċli jekk iżommuha moħbija mill-employers u l-kollegi iktar se tiżdied l-istigma mentri jekk jitkellemu jkunu jistgħu jimxu ‘l quddiem għax m’hemm xejn x’jistħu. Waqt li faħħret lill-GU Clinic talli fl-aħħar sena tejjbet is-servizzi tagħha, Calleja wkoll saħqet fuq il-kampanji edukattivi dwar dan is-suġġett u appellat lill-Gvern biex jagħti aktar kura lil dawk milqutin mill-virus.

 
Diskriminazzjoni ma’ ħaddiema bl-HIV hija realta

Mark Gauci, Kap Eżekuttiv tal-Awtorita tas-Saħħa u s-Sigurta fuq ix-Xogħol (OHSA), qal li hija realta li persuni li għandhom l-HIV jsofru minn diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u żied li anke dawk li jieħdu ħsiebhom u ma jkollhomx il-virus jiffaċċjaw din il-problema. Waqt li saħaq li persuna għandha tkun protetta fuq ix-xogħol irrispettivament jekk għandix l-HIV jew le, Gauci enfsaizza li ebda ħaddiem m’għandu jitpoġġa f’riskju u jaf ikun hemm każijiet fejn dawk bl-HIV ikunu esklużi minn ċertu xogħol jekk jirriżulta li jkunu ta’ periklu għal ħaddieħor. Fl-istess ħin il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA iddikjara li min iħaddem m’għandux dritt jimponi testijiet fuq persuna u sostna li huwa illegali li ssir talba għal xi test partikolari tas-saħħa. Clayton Cutajar, President tal-Equality Labour, enfasizza li fuq il-post ta-xogħol fejn ikun hemm ħaddiem bl-HIV il-kollegi tiegħu għandhom jingħataw taħriġ ħalli jserrħu rashom u jneħħu l-biża’ li jista’ jkollhom. Huwa rrimarka li jaf b’persuna li għandu l-HIV li għax qal lill-kollegi tiegħu wassal biex tejjeb ir-relazzjoni tiegħu magħhom u ndunaw li l-virus ma kienx ta’ riskju għalihom aktar minn viruses oħra. Tonio Axisa, Senior Executive tal-Jobsplus, ukoll saħaq fuq l-edukazzjoni u semma kif ikun hemm employers li jibdew jistaqsu jekk persuni bl-HIV se jikkawżawx diffikulta fuq il-post tax-xogħol. Min-naħa tagħhom, il-persuni bl-HIV li jkunu qed ifittxu xogħol ikunu f’dilemma jekk jgħidux lil ta’ fuqhom jew le u semma kif huwa l-individwu li għandu jiddeċiedi għalkemm irrikonoxxa li hemm min iħossu komdu jagħmel dan u min le.

 
Transgender ma jaqbilx li “joħroġ” waqt l-interview

Żagħżugħ li għaddej mit-tranżizzjoni li jsir transgender ma qabilx ma’ mara gay li għandha kariga għolja f’kumpanija dwar jekk persuna għandix tgħid x’inhi waqt intervista għal impjieg. It-tnejn li huma kienu qed jintervjenu fil-parti tas-seminar tal-GWU li trattat it-transgender fuq il-post tax-xogħol. Alex Caruana sostna li t-tranżizzjoni ma bedihix meta kien xogħol imma meta kien jaħdem bħala LSA fi skola tal-Knisja. Huwa rrikonoxxa li l-liġijiet li ddaħħlu għamlu l-ħajja aktar faċli għalihom imma saħaq li hemm bżonn taħriġ fost il-ħaddiema. Huwa qal li għalkemm fil-każ tiegħu l-employer għażlitu jista’ jifhem għala ħafna mit-transgender nisa jkollhom negozju personali u dan minħabba li jsibuha diffiċli jkollhom xogħol. Caruana, li huwa membru wkoll tal-Moviment Graffitti, ilmenta li jaf b’żewġ transgender l-employer tagħhom ma riedx jagħtihom is-sick leave għall-operazzjoni u faħħar il-proposta tal-GWU f’dan is-sens. Huwa qal li ma jaqbilx li waqt intervista għal xogħol joqgħod jgħid li se jgħaddi minn operazzjoni. Min-naħa tagħha, Marisa Xuereb – Direttur Maniġerjali ta’ Raesch Quarz – sostniet li jkun aħjar jekk persuna transgender li se tgħaddi mill-operazzjoni tinforma lil min ikun l-employer tagħha, jew min jista’ jkun l-employer, ħalli tkun tista’ tiġi mgħejjuna aktar u l-kumpanija tkun taf li se jkollha bżonn iddaħħal xi ħaddiema oħra jew ikun hemm bżonn tas-sahra mill-oħrajn. Hija semmiet li fil-każ tal-kumpanija tagħhom kellhom impjegata transgender u għalkemm għall-ewwel kien hemm reżistenza mill-impjegati l-oħra maż-żmien aċċettawha.

Xuereb qalet li fejn jidħol persuni transgender irridu noqgħodu attenti x’tip ta’ uniformijiet iridu jilbsu u persuna għandha jkollha għażla jekk tilbisx dublett jew qalziet.
Dwar il-proposta tas-sick leave għal persuni trans hija qalet li taqbel jekk ikun hemm kwistjoni medika, per eżempju mara li trid iċċekken sidirha għax ikun qed jaffettwalha darha, imma għandha riżervi fuq min irid itejjeb id-dehra u saħqet li d-deċiżjoni għandha tkun waħda medika.

 
Ħafna transgender huma foqra

Silvan Agius, Direttur fid-Dipartiment tad-Drittijiet Umani u l-Integrazzjoni, saħaq li bħal kull persuna oħra t-transgender jeħtieġ ikunu rispettati u semma kif il-liġi taħseb li waqt il-perjodu ta’ tranżizzjoni hemm leave apposta. Huwa sostna li ħafna mill-persuni trans, kemm Malta kif ukoll barra, huma foqra minħabba l-ispejjeż li jidħlu fihom u għax jew ma jaħdmux inkella jaħdmu f’livell aktar baxx milli suppost jaħdmu fih. Fl-istess ħin semma kif waqt intervista għal xogħol ma jistgħux jiġu mistoqsijin ċertu domandi li jkunu diskriminatorji. Alex Mangion, persuna transgender li tagħmel parti mill-Forum Opportunitajeit Indaqs fi ħdan il-PN, semma kif qabel fetaħ xogħol għal rasu kien jibża’ li ma kienx se jiġi aċċettat f’xogħol għax min-natura tagħhom it-transgender huma konxji ħafna tagħhom infushom. Dwar is-sick leave għall-persuni transgender qal li l-employer irid jara x’tip ta’ operazzjoni tkun se tagħmel il-persuna għax jekk tagħmel dik sħiħa trid mas-16-il ġimgħa biex tirkupra u jiddependi mit-tip ta’ xogħol meta għandha tidħol lura. Michael Farrugia, social worker mar-Rainbow Support Service, irrimarka li fix-xogħol tagħhom jippruvaw jgħinu lill-persuna tidentifika mas-sesswalita li tħoss li għandha. Huwa żied li s-sitwazzjoni qed titjieb u fejn qabel il-karta tal-identita ma kinietx taqbel mad-dehra tal-persuna issa l-affarijiet qed jitjiebu waqt li semma kif ikun hemm employers li jitolbu jagħtu taħdidiet dwar is-suġġett.

 
GWU Youths

Gaetano Micallef