24 January

Ir-Razziżmu f’Malta

 

Ir-razziżmu hu preġudizzju, diskriminazzjoni jew antagoniżmu dirett kontra xi ħadd ta’ razza differenti. Skont l-artiklu li kien ippublikat f’15 ta’Jannar, fuq is-sit onlajn ta’ www.tvm.com.mt bit-titlu “Terz tal-immigranti qalu li f’Malta jsofru d-diskriminazzjoni”, jistqar li terz tal-immigranti f’Malta isofru minn xi forma ta’ diskriminazzjoni u li għoxrin fil-mija qalu li jħabbtu wiċċhom ma’ diskriminazzjoni biex isibu impjieg, waqt li ħmistax fil-mija qalu li ġew diskriminati fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Id-diskriminazzjoni hi llegali u tista tiġi rrapurtata, iżda l-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza f’Malta qalet li l-istħarriġ wera wkoll li l-maġġoranza tal-każi ta’ diskriminazzjoni baqgħu ma ġewx rappurtati.

Il-mentallita tar-razziżmu m għandiex tkun aċċetabli f’pajjiż li hu demokratiku u li jagħmel parti minn l-Unjoni Ewropea li jippromwovi l-ugwaljanza. Dawn huma bnedmin bħali u bħalek għax il-kulur tal-ġilda ma jiddefinix il-persuna. Hawn residenti f’Malta li huma kontra nies oħra li ġejjin minn pajjiżi differenti għax jaħsbu li għandhom ċertu benefiċiji, iżda fil-ġejjieni dawn se jkunu ta’ benefiċju għall-ekonomija. Hawn min jaħseb li se jieħdulhom xogħolhom pero dan mhux il-każ speċjalment bħalissa li hawn l-inqas rata ta’ qgħad u hawn bżonn kbir ta’ ħaddiema.

Ċertu nies jargumentaw li hawn ammont żejjed ta’ immigranti llegali f’pajjiżna iżda l-Eċċelenza tagħha l-President ta’ Malta Marie Louise Colerio Preca stqarret fuq il-programm Ħinek Twieġeb fuq l-istazzjon ONE TV li l-aħħar dgħajsa bl-immigranti llegali li daħlet f’ Malta kien f’ 2013. Apparti minn hekk, kull pajjiż Ewropew jieħu ammont ikkontrolat ta’ immigranti illegali kull sena mill-Ewropa.

Bħala cittadini Ewropej irridu nifhmu t-tipi differenti ta’ diffikultajiet li dawn in-nies iħabtu wiċċhom fil-ħajja ta’ kuljum. Trid tkun vera f’ sitwazzjoni ta’ qagħda kritika għas-saħħa tal-individwu u l-familjari tagħhom biex titfa lilek nnifsek u lil wliedek fuq daghjsa bit-tama li ssib post aħjar.

Aħna l-GWU Youths nippromwovu l-ugwaljanza u diversita’. Nemmnu li kulħadd għandu jiġi trattat l-istess irrispettivament minn liema grupp l- individwu jkun ġej.

 

GWU Youths

Miguel Agius u editjat minn Matthew Seychell