27 July

L-Ekonomija u l-Ħaddiem

Nammetti l-ekonomija mhux il-qasam tiegħi iżda nemmen li tant huwa suġġett ta’ importanza kbira, li huwa impossibli ma titkellimx fuq l-effett tiegħu fuq il-pajjiż. Niftakru, li mingħajr ekonomija u banek b’saħħithom il-ġid ma jistax jitqassam sew mal-poplu b’mod partikolari mal-ħaddiem. Jekk inħarsu lejn il-Greċja, nistgħu nifhmu eżatt l-effett ta’ ekonomija mkissra li tżalli fuq il-pajjiż u ċ-ċittadin li għadu sal-lum jerfa’ l-piż ta’ żbalji li mexxejja passati għamlu.

Huwa fatt magħruf li f’Malta, l-iktar riżors importanti huwa r-riżors uman u gżaldaqstant ħafna mill-ġid ekonomiku li jiġi ġġenerat huwa grazzi għall-ħaddiem. Jekk wieħed iħares lejn dawn l-aħħar snin, pajjiżna ra titjieb fid-direzzjoni ekonomika tal-pajjiż.

Standard and Poor’s qed tbassar li matul is-snin li ġejjin, l-ekonomija ser tkun qed tikber bi 2.9% tant li qed tikser kull aspettativa Ewopeja. Kien hemm tbassir tajjeb ukoll għar-rata ta’ qagħad għaliex huwa mistenni jkompli jonqos drastikament. Stastici lokali juru li xogħol żdied b’ għoxrin elf impjieg matul dawn it-tlett snin li għaddew.

Diskors politiku huwa inevitabbli f’qasam bħal dan, iżda iktar milli nisimgħu l-politiċi huwa ferm iżjed importanti li nagħtu ħarsa lejn dokumenti u statistiċi Ewropej li joħorġu minn żmien għall-ieħor, li jitkellmu u jindikaw ir-rotta ekonomika tal-pajjiż. Dokumenti bħal dak ta’ Standard and Poor’s huma ta’ stoffa u ta’ importanza kbira. Statistiċi huma stat ta’ fatt u għalhekk ħadd ma jista’ jmerihom.

L-ekonomija qed tikber u l-ġid qed jitkattar, iżda kemm qiegħed jitqassam sew mal-poplu Malti?

Inutli l-ekonomija tikber jekk il-ġid ma jitqassamx sew. Irid ikun assigurat li dawk l-aktar vulnerabbli qegħdin igawdu mill-frott ta’ dan il-pajjiż. Miżuri t’awsterita’ jistgħu ixekklu iċ-ċirku ekonomiku għaliex in-nies ikollha inqas flus f’idejha biex tixtri sal-inqas oġġetti bżonnjużi. Aħseb u ara kemm tkun tista’ tagħmel kappriċċ! B’hekk, inqas flus jerġgħu jidħlu lura f’dan iċ-ċirku ekonomiku.

Matul dawn l-aħħar snin smajna ħafna kliem sabiex tinħoloq middle class ġdida. Dan huwa l-punt ta’ tluq għaliex nies li kienu f’xifer ta’ faqar jistgħu jerġgħu jieħdu r-ruh. Filfatt rajna diversi miżuri tajbin li zgur li ħallew l-impatt tagħhom f’ħajjet ħafna nies. Miżuri bħal in-work benefit, raw titjieb fil-pożizzjoni ta’ nies li d-dħul tagħhom huwa baxx jew medju u b’hekk raw żieda fi-dħul fuq kull wild fil-familja iżghar minn tlieta u għoxrin sena. Għal dawk li ma jaħdmux il-gvern nieda benefiċċji ġodda biex fil-perjodu li jkunu bla xogħol ikunu jistgħu jgħixu ħajja diċenti iżda fl-itess ħin jiġu nkoraġġati jaħdmu.

In-nuqqas ta’ qagħad fost iż-żgħażagħ hija wkoll frott il-ħidma sfieqa ta’ miżuri bħalma huma l-youth guarantee li tassigura li żgħażagħ li ma jkollhomx xogħol, ikollhom iċ-ċans ikabbru u jsaħħu l-ħiliet tagħhom permezz ta’ skemi ta’ taħriġ. Iż-żgħażagħ jingħataw tnax –il ġimgħa ta’ taħriġ “hands-on” fuq il-postijiet tax-xogħol fid-diversi kumpaniji li għażlu li jieħdu sehem fiha.

Dawn huma kollha miżuri tajbin li saħħew u kabbru liż-żgħir biex jinvesti iżjed fil-futur tiegħu. Madanakollu ma nistgħux ngħidu li wasalna. Sakemm ikun għad fadal tal-inqas wieħed li għadu fil-periklu li jaqgħa fil-faqar, il-Gvern ma jistgħax jieqaf jaħdem biex lil dan il-wieħed joffrilu kundizzjonijiet biex ikun jista’ jirkupra u jgħix ħajja aħjar.

Ma rridux ninsew ukoll il-middle class. Din hija l-akbar faxxa ta’ nies li għandna f’pajjiżna u huwa importanti li nieħdu ħsiebha, għaliex jekk le faċilment jaqgħu huma fil-faqar. Nemmen għalhekk li iżjed miżuri għandhom jidħlu fis-seħħ għal dawk li jaħdmu qatigħ u jaqilgħu paga medja. Miżuri bħar-roħs fil-kontijiet tad-dawl u tal-first time buyers zgur li jħallu iżjed flus fil-but.

B’mod partikolari nemmen li fil-budget li jmiss, il-Gvern għandu jiżgura li filwaqt li jkompli jkabbar id-dħul tiegħu u jnaqqas id-deficit kif ghamel matul dawn l-aħħar snin, jassigura li l-ġid li qed jitkattar jitgawda minn kulħadd. Irid jippremja l-bżulija billi jinċentiva iżjed nies sabiex joħorġu jaħdmu. Minflok inħarsu lejn miżuri short term, irridu nkomplu ninvestu fiċ-ċittadini tagħna biex b’hekk tkun tista’ ddur ir-rota ekonomika. Tajjeb ukoll li l-Gvern ikompli jaħdem mal-Privat sabiex jimrah oqsma ġodda ta’ kif jista’ jġib iżjed xogħol f’pajjiżna b’mod partikolari xogħol bi stabbilta’ u ta’ kwalita’, sabiex b’hekk inkomplu l-ġlieda kontra l-faqar u l-prekarjat.

Elaine Degiorgio