20 June

Saħħa Mentali U X-Xogħol

 

Kemm verament neħduh bis-serjetà meta kollega jgħid li xeba’ jaħdem minħabba l-istress u l-ansjetà li qed jaqbduh? Jew kemm-il darba għidna lil kollega tax-xogħol li qed iġibhom bi kbar u li dan biss perjodu qasir li dalwaqt jgħaddi?

Ta’ kull sena l-pulizija joħorġu statistiċi differenti tar-rata ta’ suwicidji f’pajjiżna iżda x’jiswew in-numri meta wara kull figura hemm ħajja ta’ tifel, tifla jew adult li qed tintilef?

F’dawn l-aħħar żminijiet, l-istigma li nitkellmu fuq il-kanċer u fuq mard ieħor bħal donnha qabdet tinkiser tant li sirna naraw diversi programmi fuq il-kura tal-ġisem u reklami li jqajmu kuxjenza dwar wieħed x’jista’ jagħmel biex jipprevjeni ċertu mard u biex ma jibżax jitlob l-għajnuna mal-mument li jħoss xi ħaġa. Per eżempju, f’Ottubru nsegwu ħafna reklami fuq il-kanċer tas-sider bil-kampanja ‘Pink October’ filwaqt li f’Novembru infakkru l-mard relatat mas-saħħa tar-raġel bil-kampanja ‘Movember’ Jekk ngħid li f’dawn l-aħħar snin ma qamitx iżjed kuxjenza dwar il-kura mentali ma nkunx korretta, anke grazzi għall-kampanji li qed jingħataw importanza fosthom l-kampanja #stopstigma fejn in-nies huma mħeġġa jitkellmu fuq problemi ta’ saħħa mentali u jwaqqgħu it-taboo li sa ċertu punt għadha teżisti madwar dawn il-kwistjonijiet. Sakemm ma nibdewx inqisu s-saħħa mentali bħala marda oħra li tista’ tiġi mfejqa b’kura speċjalizzata u speċifika, bħal kull tip ta’ mard ieħor, dan il-bieb tal-azzar kemm kemm jitbexxaq.

L-għarfien dwar it-tipi differenti ta’ mard mentali u kif nistgħu nagħtu l-ewwel għajnuna nħoss li għadu xi ftit limitat u għalhekk għadna m’aħniex konxji tal-konsegwenzi li wieħed jista’ jgħaddi minnhom kaġun ta’ mard mentali.

Minkejja li xi drabi l-kawża ta’ mard mentali jista’ jkun wieħed ġenetiku, madankollu, ambjent nadif u iktar sikur jirriżulta fi kwalità ta’ ħajja aħjar. Din hija importanti ferm b’mod speċjali fi żmien meta l-valur tal-flus sar ħafna importanti, xi drabi sfortunatament iżjed mis-saħħa tal-ħaddiem anke minħabba is-sigħat twal ta’ ħidma li l-ħaddiem ikollu jaħdem biex jgħix ħajja komda. Minħabba f’hekk, huwa importanti li l-ambjent tax-xogħol ikun wieħed tajjeb biex il-ħaddiema jħossuhom komdi jesprimu s-sentimenti u l-ħsibijiet tagħhom, kemm fit-tajjeb u kemm fil-ħażin. Barra minn hekk, huwa importanti wkoll li l-ħaddiem ikollu ħin adekwat ta’ mistrieħ.

Huwa importanti wkoll li fuq il-post tax-xoghol ikun hemm mekkaniżmi aċċessibli fejn il-ħaddiem ikun jista’ jitlob l-għajnuna. Fuq kollox, però, kull ħaddiem għandu jkun konxju tal-kollegi tiegħu u tal-problemi li jkunu qed jaħkmu lil dak li jkun. Għalhekk, importanti li jkun hemm iżjed għarfien dwar is-sintomi tal-mard mentali u l-għajnuna li wieħed għandu jagħti mal-mument li jinduna li kollega tiegħu għaddej minn dan iż-żmien diffiċli.

Kull persuna taffaċja stress u ansjetà b’modi differenti. Tista’ tkun l-iktar persuna b’saħħtek iżda mument hażin jiġi fuq kulħadd u affarijiet li forsi f’għajnejn ħaddieħor jidhru żgħar jibdew jidhru daqs l-ikbar muntanja. M’għandniex għalfejn niddejqu nitolbu l-għajnuna. Kulħadd għaddej minn problemi differenti u kulħadd qiegħed jiġġieled il-battalja tiegħu.

Hemm diversi aġenziji fejn wieħed jista’ jsib l-għajnuna fosthom dik tal-Aġenzija Appoġġ bin-numru 179 li joffru servizz bit-telefon erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, Crisis Resolution Malta campaign fuq 9933 9966, Kellimni.com fejn żgħażagħ jistgħu jitkelmu ma’ voluntiera professjonali onlajn fuq il-website taghhom u Richmond Foundation li huma pijunieri f’Malta u joffru servizzi vasti għall kull minn ibati minn xi forma ta’ mard mentali, fuq 2144 0324. Ħaddiema tal-Gvern jistgħu wkoll jattendu Programmi ta’ support lill-impjegati taċ-ċivil li jassistu lill-ħaddiem fil-problemi tax-xogħol u l-ħajja.

 

GWU Youths

Elaine Degiorgio