13 March

Youth Inclusion Through Sport

 

“Youth Inclusion Through Sport” Proġett ser jitwettaq mill-GWU Youths

 

Nhar is-26 ta’ Frar 2018, il-General Workers’ Union (GWU) Youths ħabbret fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tagħha li ser tkun qed twettaq proġett iffinanzjat minn A4U scheme tal-Aġenzija Żgħażagħ, intitolat “Youth Inclusion Through Sport”. Dan il-proġett se jkun taħt it-tmexxija ta’ Kendrick Bondin, is-Segretarju tal-GWU Youths, bil-kooperazzjoni ta’ Jessica Delia, Uffiċjal għall-Edukazzjoni u Larinov Muscat, Uffiċjal tal-Finanzi. Dan il-proġett għandu l-għan li jqajjem għarfien u inklużjoni permezz tal-isports. Dan il-proġett ser;

 

  • Ittejjeb il-komunikazzjoni bejn il-membri;
  • Jippromwovi attivitajiet ta’ volontarjat u inklużjoni soċjali;
  • Jippermetti ħidma f’tim aktar effiċjenti u stil ta’ ħajja aktar b’saħħtu;
  • Jippermetti liż-żgħażagħ biex jingħaqdu flimkien u jistrieħu mill-istudji jew ix-xogħol tagħhom;
  • Appoġġ għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni soċjali u l-faqar permezz ta’ dawn l-attivitajiet sportivi.

 

Matul din l-inizjattiva, jiġifieri minn Frar sa Ottubru, se nipprovdu taħriġ u attivitajiet differenti lill-membri żgħażagħ tagħna. Barra minn dan, aħna nimmiraw li nipparteċipaw fil-tournaments speċjalment f’dawk immirati lejn il-karità. Barra minn hekk, ir-riżorsi meħtieġa kollha bħall-irkaptu tal-futbol, kits tal-ewwel għajnuna, eċċ. ser jkunu disponibbli għall-membri tagħna sal-aħħar t’ April. Il-plejers ser jingħataw ilbies sabiex dawk f’riskju ta’ faqar, ikollhom il-possibbiltà li jipparteċipaw bl-istess ħwejjeġ bħal oħrajn. Matul din l-inizjattiva l- promozzjoni ta’ dan il-proġett ser tkun waħda attiva’, dan isir permezz ta’ diversi flyers u l-użu tal-midja soċjali.

L-għanijiet tal-inizjattiva huma konformi mal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ Lejn l-2020, jiġifieri, “L-għanijiet ġenerali tal-qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ huma: i. joħolqu aktar opportunitajiet ugwali għaż-żgħażagħ kollha fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol; ii. tippromwovi ċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali u s-solidarjetà taż-żgħażagħ kollha “(p.8). L-udjenza fil-mira prinċipali hija ż-żgħażagħ b’mod ġenerali. Permezz ta’ din l-inizjattiva, iż-żgħażagħ ta’ kull ġeneru, bi sfondi edukattivi differenti u minn setturi differenti tax-xogħol jistgħu jipparteċipaw fl-isports mingħajr ma jiffaċċjaw kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni. Għalhekk, iċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali u s-solidarjetà għal kulħadd ser ikunu fil-qalba ta’ dawn l-attivitajiet.

Permezz ta’ dawn l-għanijiet, il-GWU- Youths se tkun qedgħa timira lejn żgħażagħ f’ambjent ta’ tagħlim mhux formali, mobilità, sport u qsim ta’ informazzjoni. Iż-Żgħażagħ se jaqsmu l-esperjenza tax-xogħol tagħhom u jitgħallmu minn xulxin dwar id-drittijiet u d-diffikultajiet li jistgħu jiffaċċjaw fl-istudji tagħhom jew fuq ix-xogħol. B’dan il-mod, il-proġett se jkun jista’ jilħaq l-għan ta’ l-iskema permezz tal-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ, kif ukoll il-ħolqien ta’ ambjent kreattività u ideat innovattivi huma mħeġġa matul din l-inizjattiva.

Dawn l-attivitajiet soċjali ta’ kull ġimgħa relatati mal-isport ser jipprovdu fiduċja u joħolqu spirtu ta’ tim fl-individwi, dan jgħinhom jegħlbu l-pressjoni mill-pari, aspettattivi tal-ġenituri, stress tal-eżamijiet u bullying ċibernetiku (għaliex se jkunu ‘l bogħod mill-midja soċjali). Fl-aħħarnett dan il-proġett se jaderixxi mal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ fil-ħolqien ta’ “Parteċipazzjoni demokratika akbar, progress ekonomiku u soċjali ekwitabbli għal kulħadd, u bidla inklużiva”.

L-inizjattiva se tibqa’ għaddejja anke wara Settembru, id-data tat-tmiem skont l-applikazzjoni. Il-GWU- Youths se tibqa’ għaddeja bil-missjoni tagħha li toħloq soċjetà aktar inklussiva, tippromwovi l-volontarjat u l-isports. Din l-inizjattiva se tkun pass ‘il quddiem fil-ħolqien ta’ grupp magħqud ta’ nies li jippromwovu l-inklużjoni, il-volontarjat u sportivi.

 

GWU Youths

Jessica Delia